L-Università ta' Malta

Id-Dipartiment tal-Malti

 

Ġ.F. Abela Junior College

Ir-Rewwixta tal-Qassisin

 

Fit-Teatru Manoel - 25-27 ta' Frar 2005 - 7.30pm

 

Ara l-kummenti ta' Dr. Marco Galea

Noti ta' l-Awtur u d-Direttur tad-dramm

Artiklu dwar l-istorja tar-Rewwixta tal-Qassisin ta' l-1775


 

 

 

Qabel Tkompli r-Rewwixta

Dr. Marco Galea

 

Fl-1986, meta ntwera l-ewwel darba d-dramm Ir-Rewwixta tal-Qassisin kelli tmintax-il sena u vot ġdid fjamant li kont ili minn ħafna qabel li ddeċidejt li nużah biex ngħin intemm il-ħakma soċjalista li kont trabbejt fiha. Id-dramm ta’ Alfred Buttigieg, li rajt f’Diċembru, sitt xhur qabel l-elezzjoni, ħassejtu bħal musmar twil ieħor fit-tebut tal-gvern. Dak iż-żmien kelli l-illużjoni li l-arti għandha s-saħħa li tibdel il-politika. Kont ferħan li l-kittieba tagħna kienu qed jagħtu sehemhom biex isseħħ il-bidla li jien, bħal ħafna Maltin oħra, kont naħseb li kellha sseħħ bilfors fit-tmexxija ta’ pajjiżna qabel insibu ruħna f’xi abbiss li minnu ma noħorġu qatt.

 

Ir-Rewwixta tal-Qassisin kienet wieħed minn dawk il-ftit avvenimenti kulturali li baqgħu ttimbrati f’moħħi. Il-produzzjoni oriġinali tad-dramm kienet memorabbli fiha nfisha, imma lili kien it-test tad-dramm li baqa’ jiġri warajja. Niftakar li kont xtrajt it-test stampat dakinhar tar-rappreżentazzjoni, edizzjoni li ma nistax ma norbothiex ma’ l-idea li għandi f’moħħi ta’ kif kienet tkun il-letteratura dissidenti f’pajjiżna kieku qatt kellna waħda. Il-ktieb (jew forsi aħjar ngħid fuljett) irnexxieli nitilfu xi darbtejn, imma dejjem sibt xi kopja oħra mitlufa f’xi ħanut tal-kotba. Dik l-istorja tas-seminaristi mqarbin li jirnexxilhom jagħmlu ħerba mill-pjanijiet tar-rettur tagħhom li jirrappreżenta verżjoni gglorifikata tar-rewwixta li kienu għamlu l-kollegi tiegħu qassisin għoxrin sena qabel dejjem dehritli bħala storja perfetta ta’ azzjoni politika sovversiva ta’ min irid jagħmel il-punt tiegħu quddiem qawwa ħafna akbar minnu.

 

Maż-żmien sar id-dramm li l-aktar inħobb nitkellem dwaru ma’ l-istudenti ta’ l-università, anki jekk minħabba li kronoloġikament Buttigieg kien dejjem jiġi fl-aħħar tal-korsijiet tiegħi, dal-gost kien aktarx ikun limitat għal ftit minuti. Imbagħad meta ddeċidejt li nikteb teżi dwar it-teatru reċenti Malti għad-dottorat, bdejt insib li kien wieħed mill-ftit drammi li tista’ titkellem dwarhom ma’ kollegi u għalliema barranin mingħajr mistħija, bħal speċi aqraw dit-traduzzjoni li għamilt ta’ dramm li nkiteb f’pajjiżi, u tistenna, u jkollok, reazzjoni pożittiva. Tul dal-perjodu sibt fid-dramm sottotesti li qatt ma kont rajthom qabel. Iżda l-aktar ħaġa li bdiet tolqotni kienet il-mod kif Buttigieg, minflok jirrepeti ideat li kienu popolari fi żmienu, jantiċipa d-diskors politiku. Dak li qabel kien deherli bħala dramm li qed jixli gvern arroganti u korrott, issa ntbaħt li kien qed jikkundanna l-klassi politika kollha bħala parassita tal-komunità li ftit tista’ tiddefendi ruħha jekk ma tingħaqadx.

 

Għalhekk l-aħbar li Ir-Rewwixta tal-Qassisin se terġa’ tittella’ fit-Teatru Manoel għalija u, naħseb jien, għal ħafna nies ta’ mpari tfisser ħafna. Hija opportunità unika li nerġgħu niltaqgħu ma’ ħabib antik jew namrata ta’ l-adoloxxenza tagħna u naraw iż-żmien bidilhiex bħalma bidel lilna. Għalija hija opportunità speċjali wkoll, għaliex għandi kurżità kbira biex nara kif se jirreaġixxu l-istudenti li ngħallem għal dan id-dramm. Bejn wieħed u ieħor għandhom l-istess età li kelli jien meta rajt id-dramm fl-1986, u l-età ta’ ħafna mill-atturi li dak iż-żmien kienu rreċtaw il-partijiet tas-seminaristi b’tant entużjażmu. Għalihom il-kuntest se jkun differenti għal kollox milli kien għalija. Se jmorru jaraw dramm li huwa kkonsagrat mis-sillabu bħala parti mill-kanoni tal-letteratura Maltija. Issa nittama li jsibuh ukoll divertenti.

 

Ma nistax ngħid li rajt Malta tinbidel bħalma raha Herbert Ganado, imma żgur li Malta llum hija differenti ħafna minn kif kienet fl-1986. Gonzi kien għadu kemm miet, u Mintoff kien għadu kemm spiċċa minn priministru. Illum fl-2005, Gonzi għadu kemm laħaq priministru u Mintoff għadu hemm, ġisem u spirtu jħuf wara s-suċċessuri tiegħu fil-Partit Laburista. Fuq kollox, min kien dak li qal li aktar ma l-affarijiet jinbidlu, aktar jibqgħu l-istess? U r-Rewwixta x’tista’ tgħidilna fuq iż-żmien li jinbidel u ma jinbidilx? Nissuspetta li ħafna.

 

 

Dramm qawwi, divertenti u għal darb'oħra attwali

Dr. Marco Galea

 

Fl-istorja tat-teatru tagħna, tgħoddhom fuq subgħajk id-drammi Maltin li nkitbu wara Żeża tal-Flagship li wara l-ewwel produzzjoni tagħhom (dejjem jekk ikollhom waħda) jerġgħu jidhru quddiem il-pubbliku. Għalhekk, f’dan is-sens, il-produzzjoni ta’ Ir-Rewwixta tal-Qassisin ta’ Alfred Buttigieg fit-Teatru Manoel fil-25, 26 u 27 ta' Frar ta’ din is-sena hija avveniment straordinarju għaliex aktarx li tkun l-ewwel dramm Malti f’għoxrin sena li se jerġa’ jittella’ f’dan it-teatru.

 

Li mhux straordinarju huwa li huwa propju dan id-dramm mużikali li se jerġa’ jittella’. Ir-Rewwixta tal-Qassisin kien aktarx wieħed mill-aħjar drammi Maltin tas-snin tmenin. L-istorja dwar id-dramm li r-Rettur tas-Seminarju fl-1795 ried itella’ ma’ l-istudenti tiegħu dwar ir-rewwixta tal-qassisin ta’ għoxrin sena qabel intlaqgħet bħala kontribut siewi dwar il-poter f’pajjiżna mhux biss fis-seklu tmintax, imma wkoll fl-1986, matul waħda mill-agħar kriżijiet politiċi f’pajjiżna, meta bħas-soltu l-kontendenti prinċipali kienu żewġ partiti politiċi u l-Knisja Kattolika. Kważi għoxrin sena wara, id-dramm għadu qawwi bħal meta nkiteb, u fil-verżjoni ġdida tiegħu, huwa wkoll aktar divertenti.

Id-dramm huwa attakk qawwi kontra l-intrużjoni tal-poter, ġej minn fejn ġej, fil-ħajja taċ-ċittadini komuni. Il-messaġġ tiegħu jasal għand l-udjenza permezz ta’ drammatizzazzjoni mill-aktar mexxejja, mimlija sorpriżi mill-bidu sa l-aħħar, u fuq kollox bl-għajnuna ta’ għanjiet li fi stil Brechtjan jikkummentaw b’mod ironiku fuq il-qagħdiet li jinsabu fihom il-personaġġi tad-dramm, tad-dramm fid-dramm, u nazzarda ngħid, iċ-cittadini Maltin fi żmienna wkoll.

 
   

 

The Rising of the Priests at the Manoel Theatre

Dr. Marco Galea

 

Nineteen years on, what was the best original play by a Maltese playwright of the 1980s is being revived. Theatre director Michael Fenech (who has produced the successful Festival of Satire Bla Kommixin for four years running) has teamed up playwright Alfred Buttigieg and with composer Manoel Pirotta, to bring back to life the mischievious but thought-provoking play-within-a-play about a group of late eighteenth-century students who make havoc of their headmaster’s plans to make them perform a heroic representation of a revolt attempted by a group of priests twenty years earlier.

 

In 1986, people who saw the play felt it was at least as much about late twentieth century Malta as it was about the eighteenth century. In 2005, this play about a play about a revolution that did not happen twenty years previously must make audiences think. And smile. And laugh. And maybe sing along with the actors. And walk out of the theatre and want to change the world. Or go out of the theatre and stop bothering about changing the world.

 

Nineteen years is almost a lifetime. Yet, many times it is not enough to forget. The people who saw Ir-Rewwixta tal-Qassisin at the Manoel Theatre in December 1986 will never forget that play, just as in the play the people who remember the priests’ revolt cannot forget the bloody events of those few days.

 

Nineteen years on, Ir-Rewwixta is back at the Manoel. The last time around, although the play was very successful, its success was overshadowed by the fact that it was hailed as an anti-government play, a tale of a power which, like the Order of St John had overstayed its welcome, and no amount of cosmetic changes would make it more appealing to a stretched population. Predictably, the Labour Party went into opposition in 1987, just six months after the play, to give way to the Nationalist Party which has been in government almost uninterruptedly ever since. Today’s audiences have the opportunity to make a fresh judgement of the play. It may now be the right time to consider the play as an indictment of all politicians, whatever cause they claim to serve, as usurpers of rights granted to them by a patient and generally credulous population.

 

Then again, Ir-Rewwixta is just theatre, and musical theatre at that. The people who will see the play might not care one little bit about what I’m saying that Alfred Buttigieg is saying. In spite of this, one thing is sure. They will enjoy every minute of it.

 

When the play was first performed, it was hailed by The Sunday Times reviewer Paul Xuereb as “a work which is not only brilliantly conceived and skilfully constructed but also an ingeniously oblique, humorous and very thought-provoking commentary on contemporary politics in this country.” Along with Oliver Friggieri’s novel Fil-Parlament ma Jikbrux Fjuri it is one of the best interpretations of a sentiment which during the 1980s was just emerging, a distancing from the political class seen as a burden on common citizens who would generally be able to run their own lives more profitably and peacefully without the interference of ministers, bishops and other power hungry monsters.

 

Ir-Rewwixta tal-Qassisin, is being produced at the Manoel Theatre on Friday 25, Saturday 26 and Sunday 27 February, 2005. Taking part amongst others are Manuel Cauchi, Joe Cortis, Philip Mizzi, Leigh-Anne Abela, Simone Zammit and Jesmond Tedesco Triccas. Ir-Rewwixta tal-Qassisin has been generously sponsored by Bank of Valletta, Go Mobile and the Malta Council for Culture and The Arts. Booking from the Manoel Theatre on 21246389 or on-line at www.teatrumanoel.com.

 

28.1.05

 

 

Mill-programm stampat għar-rappreżentazzjonijiet ta’ Ir-Rewwixta tal-Qassisin

li saru bejn il-25 u s-27 ta’ Frar, 2005

 

NOTA TA' L-AWTUR

Alfred Buttigieg

 

Ir-Rewwixta tal-Qassisin nkitbet bejn l-1984 u l-1986, u ttellgħet għall-ewwel darba fit-Teatru Manoel nhar l-20 to' Diċembru, 1986. Iż-żminijiet li nkitbet kienu sinjifikanti - id-demokrazija f’Malta, naħseb li għall-ewwel darba, kienet mhedda; u min għex u jiftakar dawk iż-żminijiet, u min kien ra Ir-Rewwixta tal-Qassisin jaf kemm din kienet relevanti għaż-żminijiet li konna qegħdin ngħixu. Jien personalment kont diżilluż b'kulħadd - bil-Partit Laburista għax kien ġabna fiex ġabna, bil-Partit Nazzjonalista, li kellu għatx kbir għall-poter; bil-Knisja, li dejjem baqgħet siekta quddiem l-inġustizzja, imma l-aktar li kont diżilluż kien bla dubju bil-poplu Malti, li qatt m'għaraf jingħaqad biex ma jħallix min jinqeda bih u jmexxih minn imnieħru.

 

Illum għaddew kważi għoxrin sena minn dik ir-rappreżentazzjoni, bħalma kienu għaddew għoxrin sena fid-dramm mindu ġara l-inċident tar-rewwixta tal-qassisin kontra l-Granmastru Ximenes fejn ir-Rettur, karattru ewlieni, ipprova jagħtina l-impressioni li l-affarijiet kienu nbidlu għall-aħjar. Imma kemm tassew inbidlu għall-aħjar l-affarijiet f'dawn l-aħħar għoxrin sena?

 

Il-mexxejja politiċi kollha jibdew tajjeb, b'intenzjoniiiet tajbin u b'viżjoni sabiħa. Hekk kien beda l-Granmastru Pinto imma spiċċa rrovina lil dan il-pajjiż ekonomikament wara aktar minn tletin sena fit-tmexxija. Il-Granmastru ta’ warajh, Ximenes, spiċċa mbaram wara sentejn biss fil-poter. Immorru fis-seklu għoxrin u nsibu lil Duminku Mintoff, tletin sena mexxej tal-Partit Laburista, salvatur tal-Ħaddiem u Alla ta’ Malta. Għamel ħafna ġid imma meta ra li s-sitwazzjoni kienet saret tal-biża’ deherlu li l-aħjar kien li jwarrab u jitfa' l-problemi kollha f’ħoġor id-dixxiplu fidil tiegħu, Karmenu Mifsud Bonnici. Bħol Ximenes, dan ta’ l-aħħar m’għamilx iżjed minn sentejn imexxi (għalkemm ma mbaramx).

 

Dħalna fis-seklu wieħed u għoxrin. Wara tletin sena jmexxi l-Partit Nazzjonalista, Eddie Fenech Adami jħalli l-poter li jaqa’ f’idejn Lawrence Gonzi. Forsi bħar-Rettur fid-dramm il-mexxejja jridu jagħtuna l-impressjoni li issa qegħdin ngħixu f'ġenna ta’ l-art. Inħalli f’idejkom biex tiġġudikaw jekk l-affarijiet inbidlux għall-aħjar. Tgħid l-istorja tirrepeti ruħha?

 

 

 

NOTA TAD-DIRETTUR

Michael Fenech

 

Is-saħħa ta’ dan id-dramm tistrieħ fil-mod kif l-awtur jagħti l-opinjoni politika tiegħu mingħajr ma jagħlaq il-possibiltà ta’ dibattitu dwar l-ideat espressi. L-ideat ġenwini ma jaqgħux fl-iżball li jissimplifikaw kollox u, bħal ma nsibu f’ħafna arti ta’ kwalità, toħroġ l-ambigwità. Kien għalhekk li tħajjart nipproduċi u nerġa’ nidderieġi Ir-Rewwixta wara waqfa ta’ tmintax-il sena mit-teatru għax sibt lok għal interpretazzjoni kurrenti differenti sew minn dik li kont tajt fl-1986.

 

Ir-Rewwixta tal-Qassisin huwa dramm li, ma’ l-ewwel qari tiegħu, jagħti l-impressjoni li dak li għandu jgħidlek jgħidulek f’wiċċek. Imma meta tiġi biex taħdmu tibda, bħall-basla, issib qoxra wara oħra, livell jgħatti ’l ta’ qablu. ll-karattri jieħdu l-ħajja quddiemek u jkellmuk bi lsienhom. Jgħidu wkoll diskors li mhux bilfors trid tisma’.

 

Ċertament li din il-produzzjoni tgħallmet mill-istorja. Hija għal kollox qari mill-ġdid ta’ test rikk u mimli sotto-testi. Żdiedu xi xeni, inbidlu xi linji, daħlu għanjiet ġodda. ll-mużika issa tindaqq minn orkestra. Forsi ssib li l-kant aktar irfinut. Imma dawn huma bidliet kożmetiċi biss, jew jirriflettu u jinterpretaw realtajiet ġodda li qed ngħixu llum? Illum erġajna bil-protesti fit-toroq, it-tgergir hemm qiegħed ukoll. Imma anki s-soċjetà tagħna nbidlet, bħal ma nbidlu l-aħħar xeni. Bħal ma d-dramm irrifletta u sa ċertu punt antiċipa d-diskors politiku fl-1986, is-seminaristi fil-verżjoni to’ llum juruna li m’hemmx għalfein noqogħdu għal min irid jgħawwina u jgħaffiġna kif irid hu. L-aħħar xena tad-dramm saret att ta’ ottimiżmu. Is-seminaristi jridu juruna li dak li kien jgħodd għoxrin sena ilu, illum m’għadux jgħodd. Issa jonqos it-tielet att biex iż-żgħażagħ juruna mod ġdid kif tagħmel il-politika!

 
   

Lura għall-Ewwel Paġna

 

 

 

1

1